31/08/2026
Kronaka Milanista minn Frans Deguara...
Milan-Venezia 2-0... imma x’kuntrast
bejn l-omaġġ għall-CAPITANO u t-tluq ta’ Leao
Fl-ewwel logħba tas-Serie A f’San Siro, mingħajr il-Capitano, il-Ġimgħa, 28 t’Awwissu, ġie mogħti omaġġ enormi u mistħoqq lil Franco Baresi - Il Capitano dei Capitani! Tpoġġa banner kbir bil-flokk bin-numru 6 f’nofs il-piċċ, bil-plejers iduru miegħu waqt il-minuta silenzju bi Franco fuq l-iskrin il-kbir. Kommoventi ħafna kienet il-Curva Sud meta esponew strixxun bil-kliem “Franco Baresi - Leggenda immortale, inimitabile bandiera, che non smetterà mai di sventolare. Ciao Capitano” waqt li kantaw “You’ll Never Walk Alone” (bil-kortesija tas-sapporters tal-Liverpool), u fis-6 minuta tal-partita xejjru l-bandiera kbira ad unuru u kantaw is-solita “C’è solo un Capitano”... bil-pubbliku kollu (aktar minn 75,000) jingħaqad magħhom!!
Imma l-kommozzjoni kienet akbar meta ibnu, Gianandrea poġġa l-flokk numru 6 fil-post fejn kien joqgħod missieru Franco - Fila 7, Posto 20, fit-Tribuna d’Onore! U qabżilna d-dmugħ bħal Daniele Massaro, il-ħabib fratern tiegħu, li qasmu flimkien karriera sħiħa bħala plejers u diriġenti. U propju dakinhar kellu jattendi għat-tlugħ tal-poloz tat-Tazza UEFA f’Montecarlo, għall-ewwel darba waħdu! Anke bħalissa qed jaqbiżli d-dmugħ... x’kariżma kellu dan il-leġġenda ta’ ftit kliem imma ta’ konkretezza fenomenali! Grazie, Capitano!!
KRONAKA. Bil-ħaqq il-partita, kont insejt! Il-Milan bdew tajjeb, ħolqu diversi ċansijiet kbar, partikularment b’Ramos - fit-12’ waħdu quddiem Stankovic ħalla lill-iben l-eks Interista Dejan iwettaq l-ewwel miraklu (bir-raġun ikollu wirja eċċezzjonali!), fit-22’ u fit-33’... forsi anke bl-emozzjoni tal-ewwel darba f’San Siro! Fl-34’ korner ċarissimu għall-Milan, għal Manganiello goalkick, u l-VAR ma daħlitx (ara kieku kien bil-kontra...). Fl-44’ ċans ieħor mitluf minn Chukwueze.
Wara l-intervall l-andament baqa’ l-istess. Fil-55’, wara taħwida fil-kaxxa, Musah ixxuttja fuq il-mimduda (kien aktar faċli jiskorja!). Fid-59’ daħlu Rabiot u Saelemaekers flok Cisse u Loftus-Cheek, u l-attakki saru aktar effettivi. Wara li Ramos tilef ċans ieħor fis-60’ (bir-ras), sa fl-aħħar fetaħ l-iskor. Kontrattakk fid-69’ mibdi minnu stess, twaqqa’, qam u akkumpanja lil Saelemaekers, li reġa’ ta lil Gonzalo RAMOS, li b’xutt dijagonali bix-xellug għeleb lil Stankovic – skorja l-aktar ċans diffiċli!! Fl-74’ daħal Jashari flok Modric, li ma kellux partita tajba, (imma San Siro xorta applawdih). Fis-87’ wara żball banali ta’ Rabiot, kontrattakk tal-Venezia... iżda Maignan ħareġ u ddribilja żewġ plejers!! Inkredibbli Mike! Minuta wara kien se jiddebutta Moreira, imma fit-88’ Gila kellu joħroġ, floku daħal Gabbia, u Estupinian ħa post Bartesaghi. Minuta wara, f’azzjoni sabiħa veloċi, Saelemaekers ġab lil Ardon Jashari waħdu. Il-Belġjan żbalja x-xutt, Stankovic salva, imma tefa’ l-ballun fuq Halhal ġej bil-ġirja, u daħal f’xibka vojta. Gowl fortunat għall-Milan veru, imma meritat.
L-istatistika turi: xuttijiet: 16-9 (fil-lasta 5-2); fawls 8-11; korners 2-3; pussess ballun 57.8%-42.2%... li tikkonferma l-andament tal-logħba. L-aħjar kienu Saelemaekers u Rabiot, li bidlu t-tim, u magħhom Chukwueze u Gila.
Il-Milan lagħbu hekk (3-4-2-1): Maignan; Gila (87’ Gabbia), De Winter, Pavlovic; Chukwueze, Modric (74’ Jashari), Musah, Bartesaghi (87’ Estupinan); Loftus-Cheek (59’ Rabiot), Cisse (59’ Saelemaekers); Ramos. Riservi: P. Terracciano, Torriani, Pulisic, Diawara, Moreira, Comotto, F. Terracciano u Camarda.
Kurżitajiet.
LEAO. Preżenti f’San Siro kien hemm ukoll Rafa Leao, naturalment fit-tribuna. Il-Portugiż xtaq isellem lil Franco Baresi, lill-Milan, u lil sħabu, wara 7 snin ta’ mumenti eċċellenti mħallta b’uħud medjokri. Kellu żewġ offerti: l-Aston Villa tellgħu l-offerta għal self ta’ €8 + €42 b’obbligu li jakkwistawh, u b’salarju ta’ €8. B’Jorge Mendes jippressa lill-klabb ta’ Birmingham għax Leao dejjem qal li jixtieq jilgħab fil-Premier League. Iżda b’sorpriża Rafa ddeċieda li jmur fit-Turkija mal-Galatasaray, li permezz ta’ George Gardi, offrew €45 miljun + €2 miljuni bonus + €20% mis-somma li jinbiegħ aktar ’il quddiem, u b’salarju ta’ €12-il miljun! Li għall-Milan kienet ftit aktar vantaġġjuża. Id-differenza għamluha l-pressing tad-diriġenti Torok, il-kuntatt dirett ta’ Viktor Osimhen (l-eks Napoli), u l-proġett ta’ Galatasaray... fejn sab folla enormi tistennieh!
SKUDETTO/TALENT PUR. Wara l-partita Rafa kien emozzjonat ħafna (ammetta li beka, u ħafna) u xtaq isellem anke lit-tifosi imma ma kellux ikun... għax wara kollox, 7 snin huma ħafna għaż-żminijiet tal-lum. Kien ġabu mal-Milan P. Maldini fl-2019 għal kważi €40 miljun, u skont kliemu stess: “ġejt bħala tifel u tlaqt bħala raġel, grazzi għall-Milan, li jibqgħu dejjem f’qalbi”! Il-quċċata tiegħu kienet ovvjament l-iskudetto 2021/22, mirbuħ b’Rafa protagonista assolut u l-MVP tas-Serie A, segwit bis-semi finali taċ-Champions League. Is-snin ta’ wara kienu mimlija tlugħ u nżul, kritika (anke ħarxa), injuries, cooling break u problemi tattiċi. Iżda ħa mmur kontra l-kurrent, għax in-numri jirrakkontaw storja oħra. Infatti nsibu li skorja 80 gowl, kellu 55 assist, 372 okkażjoni ta’ ċansijiet maħluqa, u 577 dribbling kompletati!! Għalhekk Leao ħalla lill-Milan bejn id-dispjaċir ta’ talent pur forsi mhux muri kompletament, u memorji indelibbli. Veru li ma kienx dejjem kontinwu (u kien jaqla’ kritika esaġerata li mhux dejjem kienet mistħoqqha), imma għal snin sħaħ irregala lil San Siro ħaġa rari: l-imprevedibbiltà! Grazie di cuore, Rafa, e buona fortuna!
CISSE u DIAWARA. Fis-27 t’Awwissu, Alphadjo Cisse (mingħajr l-aċċent) u Sankhoun Diawara kienu ppreżentati fil-Milan Flagship Store f’Via Dante, fejn kellhom akkoljenza sabiħa ħafna min-numru kbir ta’ tifosi. Cisse kien għadu kif skorja l-1 gowl tal-kampjonat ftit jiem qabel (u vvutat l-MVP tal-partita!). A propożitu, l-aħħar plejer Milanista li skorja fid-debutt tiegħu kien Daniel Maldini, fi Spezia-Milan (1-2) fil-25 ta’ Settembru, 2021.
P.S. Il-Milan waslu fi ftehim ma’ Nottingham Forest għat-trasferiment ta’ Omari Hutchinson, plejer ta’ nofs il-grawnd, b’self. Aktar dettalji u dwar il-kampanja akkwisti fil-kronaka li jmiss.
Il-partita li jmiss: Juventus-Milan, tas-Serie A, nhar il-Ħadd, 6 ta’ Settembru, fid-20:45.
Ritratti (fuq): l-omaġġ lil Capitan Baresi; Gianandrea jpoġġi l-flokk numru 6 fil-post fejn kien joqgħod missieru Franco; u jidher emozzjonat ħafna; (nofs): bħalma kienu Massaro u l-eks Stroppa, illum kowċ tal-Venezia; l-istrixxun tal-Curva Sud; u Ramos juri l-istemma “6 per sempre” fuq il-flokk wara li skorja; (taħt): il-gowl ta’ Ramos fid-69’; u Jashari, kompliċi fl-awtogowl ta’ Halhal fid-89’; u Cisse u Diawara jieħdu stessu mal-folla sabiħa quddiem il-Milan Flagship Store fis-27 t’Awwissu.
Kwalunkwe opinjoni espressa minni mhux bilfors hi l-istess tal-Milan Club Malta 1979.
30/08/2026
28/08/2026
28/08/2026
28/08/2026
25/08/2026